Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-anzjani

L-anzjani, dawk li b’ħidmiethom u s-sagrifiċċji tagħhom illum għandna soċjetà li tapprezza aktar kemm hi prezzjuża l-għożża ta’ min ġie qabilna, jeħtieġu l-appoġġ u s-sostenn tagħna lkoll. Il-komunità f’kull belt u raħal hija magħmula minn varjetà sħiħa ta’ ġenerazzjonijiet, b’kull sezzjoni sservi ta’ spalla għal oħra.

Id-Day Centres għandhom propju l-iskop li joffru lok ideali għal dawk l-anzjani li jkunu jixtiequ joħorġu mid-dar u jitħalltu ma’ nies ta’ kull età, iqattgħu l-ġurnata fil-kumpanija ta’ xulxin, jilagħbu, jitħarrġu u jaqsmu l-minjiera ta’ tifkiriet sbieħ ta’ tfulithom u żgħożithom. L-anzjani li jibqgħu jgħixu fil-komunità – lil hinn minn istituzzjonijiet kbar maqtugħin għalihom – jibqgħu jħossuhom parti minn dik is-soċjetà li twieldu u għexu fiha, u fiha tul iż-żmien taw il-kontribut tagħhom f’oqsma differenti bħall-isports, il-banda, il-festa, il-knisja, l-edukazzjoni, l-politika, u tant oħrajn.

Il-Kunsilli Lokali joffru l-ispazju u l-binjiet taċ-ċentri ta’ matul il-jum, tant li saru diversi inawgurazzjonijet ta’ ċentri ġodda, fosthom dawk riċenti tal-Marsa u l-Furjana, li żdiedu ma’ oħrajn eżistenti. Kien hemm ukoll proġetti li minbarra li joffru sostenn akbar lill-anzjani, huma favur l-inklużjoni soċjali, bħall-proġett “Inkattru l-Inklużjoni” fl-Isla permezz ta’ fondi min-Norveġja u tal-Kunsill Lokali.

Play Video
FacebookTwitter