Alison Zerafa Civelli hija minn Bormla u preżentement toqgħod il-Kalkara ma’ żewġha Christian u binthom Carla. Hija t-tieni fost ħames aħwa u bint Emanuela u Anthony Zerafa.
Alison minn dejjem attendiet skejjel tal-gvern. Wara s-sixth form, irreġistrat fl-Università ta’ Malta għall-kors tal-Baċellerat fl-Edukazzjoni. Wara li ggradwat, kompliet l-istudji tagħha u kisbet Master’s degree fl-Edukazzjoni mill-Università ta’ Malta.
Alison hija edukatriċi bi professjoni. Għallmet f’diversi livelli fl-iskejjel tal-gvern u matul il-karriera tagħha ħadmet ma’ studenti b’diffikultajiet soċjali, emozzjonali u ta’ mġiba, kif ukoll ma’ tfal ġejjin minn ambjenti żvantaġġjati. Fl-2016 serviet bħala Assistent Prinċipal u aktar tard bħala Kordinatriċi Edukattiva f’ċentru ieħor tat-tagħlim.
Bejn l-2013 u l-2022, Alison kellha l-kariga ta’ Sindku ta’ Bormla. Din l-esperjenza tatha għarfien siewi dwar il-ħidma u l-prattika tal-Gvern Lokali li ressqitha aktar qrib il-komunità permezz tal-kuntatt ta’ kuljum mar-residenti u l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom.
F’Marzu 2022, Alison ikkontestat b’suċċess l-Elezzjoni Ġenerali mal-Partit Laburista u ġiet eletta fil-Parlament Malti. Wara l-elezzjoni, ġiet fdata bil-kariga ta’ Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali.
Alison reġgħet ġiet eletta fil-Parlament fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Mejju 2026. Wara l-formazzjoni tal-Gvern il-ġdid, fl-4 ta’ Ġunju 2026 ġiet maħtura Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi. Fil-kariga tagħha hija responsabbli mill-Gvern Lokali u mix-Xogħlijiet Pubbliċi, kif ukoll mill-qasam tal-indafa pubblika.
Involviment Politiku u Lokali
Alison bdiet l-involviment tagħha fil-politika u fil-ħidma volontarja sa minn meta kellha sittax-il sena. Kienet involuta b’mod attiv f’diversi għaqdiet volontarji lokali, filwaqt li bdiet ukoll tkun membru attiv tal-Partit Laburista.
L-ewwel esperjenza tagħha bħala voluntiera kienet f’Dar it-Tama f’Bormla, u aktar tard fil-kumitat Laburista lokali ta’ Bormla. Hija kkontribwiet ukoll fil-Partit Laburista fuq livell nazzjonali, fosthom fl-Eżekuttiv Nazzjonali u fil-Forum Żgħażagħ Laburisti.
Alison ħadet sehem ukoll f’diversi programmi televiżivi popolari fuq ONE TV, fosthom Bla Agenda, Viċi-Versa, Sitta Ġewwa u oħrajn.
L-esperjenza tagħha fil-politika, fl-edukazzjoni u fil-ħidma volontarja saħħet l-impenn tagħha lejn is-servizz pubbliku u lejn il-ħidma qrib il-komunitajiet. Din l-esperjenza saħħet ukoll il-konvinzjoni dwar l-importanza li wieħed jisma’ t-tħassib tan-nies, jappoġġja lil dawk l-aktar fil-bżonn u jiżgura li l-komunitajiet ikollhom vuċi b’saħħitha fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tagħhom.
Bħala Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison hija responsabbli mit-tisħiħ tal-Gvern Lokali, mill-appoġġ lill-Kunsilli Lokali, mix-Xogħlijiet Pubbliċi u mill-ħidma biex titjieb l-indafa pubblika u l-kwalità tal-ispazji pubbliċi madwar Malta u Għawdex.