Previous slide
Next slide
Korsijiet ta’ Taħriġ u tagħlim li joffru l-Kunsilli Lokali

Il-Kunsill Lokali huwa l-mutur li jħaddem il-ħajja soċjo-ekonomika ta’ kull belt u raħal. In-nies dejjem ikollha bżonn lok ċentrali fejn tirrikorri għal servizzi, tagħrif, u appoġġ. Kunsill Lokali attiv, serju u dedikat għandu dejjem ikun il-fokus tar-residenti li wara kollox, jeleġġu lir-rappreżentanti tagħhom.

It-taħriġ u t-tagħlim huma importanti ferm fit-tinsiġ ta’ soċjetà aktar konxja mill-ħtiġijiet ta’ kuljum f’dinja dejjem tinbidel, fosthom il-kisba ta’ ħiliet siewja li jistgħu joffru kemm serħan il-moħħ kif ukoll opportunitajiet ġodda għal min ikun qed ifittex li javvanza f’karriera jew biex iservi ta’ gwida għaqlija fi ħdan il-familja.

Dawn huma fost l-għanijiet li hemm marbutin mal-għadd ġmielu ta’ korsijiet li jsiru mill-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex. Il-korsijiet ikopru varjetà sħiħa ta’ suġġetti, minn tagħlim u taħriġ fuq l-Informatika, l-użu tal-kompjuter u diversi temi edukattivi sa snajja utili bħax-xogħol tal-ganutell, il-bizzilla u saħansitra eżerċizzji fiżiċi.

Hemm lista twila ta’ korsijiet li saru u għadhom isiru, imma tajjeb insemmu xi wħud bħala eżempju. Diversi Kunsilli Lokali organizzaw korsijiet ta’ introduzzjoni għall-Internet kif ukoll l-użu tal-Internet fuq ix-xogħol. Jiġu organizzati wkoll korsijiet tal-aeroboics, il-Pilates, iz-Zumba u l-line dancing flimkien ma’ korsijiet fil-ħiliet tal-crochet u t-tiżjin tal-kejkijiet.

Fejn jidħol il-qasam edukattiv, kien hemm għażla ta’ korsijiet bħala parti mill-inizjattiva dinamika tal-Lifelong Learning.  Suġġetti varji bħal-Litteriżmu fil-Malti u l-Ingliż, Matematika bażika, u, għal barranin fostna, l-Malti bħala lingwa barranija u kif titħaddet bil-Malti. Korsijiet simili saru għal min xtaq jitgħallem aktar dwar l-Ingliż, il-Ġermaniż, il-Franċiż, l-Ispanjol, u t-Taljan.

Play Video
FacebookTwitter