Previous slide
Next slide
Libreriji Lokali fil-qalba tal-komunitajiet

Il-kunċett ta’ librerija fil-komunità qatt ma kien meħtieġ daqs illum. Bid-dinja kollha kemm hi mitlufa taġġorna ruħha bl-elettronika, l-Internet, u servizzi onlajn, il-qari beda jieħu inqas prijorità fost in-nies, partikolarment fost it-tfal u ż-żgħażagħ. Il-qari u l-kotba, madankollu, ma tilfu xejn mill-valur tagħhom u kull sforz biex jikber, aktar milli jinżamm, dak li hemm, is-servizz tal-libreriji għandu jgħin biex ikun hemm bilanċ bejn il-qari tradizzjonali u l-qari minn sorsi elettroniċi, li wkoll għandhom il-valur tagħhom.

Hemm numru sabiħ ta’ Kunsilli Lokali li diġà għandhom il-librerija lokali tagħhom. Iż-żamma ta’ dawn il-libreriji hija waħda mir-responsabbiltajiet tal-kunsilli, iżda inizjattivi li bdew jittieħdu biex tikber l-attrazzjoni tal-libreriji fil-komunità qed jgħinu biex titwitta t-triq għal servizzi aktar imfittxa.

Eżempju milll-aqwa kien it-twaħħid taħt saqaf wieħed ta’ librerija pubblika ġdida mal-”Marine Environmental Education Centre” inawgurat f’Għajnsielem f’Marzu li għadda. Din kienet inizjattiva mill-aqwa li toffri esperjenza edukattiva ħolistika kemm għat-tfal u ż-żgħażagħ kif ukoll għall-kbar. Kemm hu interessanti li f’post fejn tista’ ssir taf aktar żoni marittimi protetti, it-tradizzjonijiet u l-isfidi li joffri s-settur tas-sajd, waqt li fi ftit passi tkun tista’ tmur tfittex u ssib kotba b’aktar informazzjoni dettaljata dwarhom flimkien ma’ għażla sabiħa ta’ kotba ta’ kull ġeneru u awturi Maltin u barranin! L-għarfien tal-kultura u l-wirt storiku huwa importanti fit-tiġdid tal-identità tagħna bħala nazzjon, u l-qari u l-kotba huma l-muftieħ li teħtieġ kull soċjetà.

Kmieni din is-sena, mill-kliem għaddejna għall-fatti hekk kif il-Kunsilli Lokali ngħataw l-opportunità jwettqu xogħol ta’ manutenzjoni fil-librerija lokali bis-saħħa ta’ ħaddiema mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, liema stedina wasslet biex sar xogħol ta’ manutenzjoni u rinnovar fi tmien libreriji lokali – f’San Ġwann, il-Gudja, Tas-Sliema, il-Fgura, ix-Xgħajra, l-Gżira, is-Swieqi u r-Rabat ta’ Malta.

B’dan il-mod effettiv il-Kunsilli Lokali qegħdin isaħħu s-servizz tagħhom fejn jidħlu l-kotba u l-qari. Iż-żamma tal-libreriji lokali hija essenzjali u tikkumplimenta l-ħidma tal-Gvern favur kultura tal-qari fost it-tfal u l-familji.

Dan il-proċess ħaj u ħawtiel issokta f’April li għadu kemm għadda meta għaxar Kunsilli Lokali li jiffurmaw parti mir-Reġjun Punent se jkunu qed jibbenefikaw minn skema li għandha l-għan li tkattar u tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-qari fost it-tfal. Permezz ta’ din l-iskema, se jkunu qed jitħejjew programmi interattivi fejn f’kull lokalità, bis-sehem ta’ għaqdiet u skejjel primarji, jittellgħu attivitajiet bħal puppet shows, makkjetti b’forma ta’ forum theatre, laqgħat ma’ awturi u inizjattivi edukattivi oħra.

Play Video
FacebookTwitter